Informazzjoni dwar it-tabakk
Il-pjanta tat-tabakk hija parti mill-familja tas-Solanaceae, li tinkludi wkoll il-patata, il-brunġiel, it-tadam u l-bżar. Din tħaddar għal sena, jew ġieli anki għal aktar minn sena, għandha zokk vertikali ta’ tul ta’ bejn metru u tliet metri, u għandha weraq ovali jew ippuntati li fihom minerali, zokkor, proteini, reżini, żjut aromatiċi, sustanzi volatili u nikotina. Il-fjuri huma sbieħ ħafna u jinġabru fi fjoritura tawwalija. Il-frotta hija kapsula li fiha żrieragħ żgħar tondi jew ovali ta’ lewn kannella, li jdumu ħajjin għal 4-5 snin f’kondizzjonijiet ta’ ambjent normali. Il-pjanta tat-tabakk bdiet tinfirex malajr madwar id-dinja mill-Amerika sa mis-seklu sittax. Din irnexxielha tikber f’ħafna varjetajiet, grazzi għall-kapaċità tagħha li tadatta sew għal ambjenti differenti. Illum, it-tabakk jiġi mkabbar f’mijiet ta’ pajjiżi, l-aktar f’pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw. Il-kontinenti fejn l-aktar issir il-koltivazzjoni ta’ din il-pjanta huma l-Asja (speċjalment iċ-Ċina, l-Indja u t-Turkija) u l-Amerika (l-Istati Uniti u l-Brażil), iżda din issir ukoll fl-Ewropa (l-Italja, il-Greċja, il-Bulgarija, il-Polonja u r-Russja), fl-Afrika (iż-Żimbabwe u l-Malawi) u fl-Oċeanja (l-Awstralja u New Zealand).
Kull reġjun iwassal għal riżultati differenti. L-influwenza tal-klima u tal-ħamrija hija kruċjali.
L-istorja tat-tabakk
It-tabakk beda jinġieb lejn l-Ewropa wara l-iskoperta tal-Amerika, iżda l-popli indiġeni tal-kontinent Amerikan kienu ilhom żmien twil ipejpuh għal skopijiet reliġjużi u bħala parti minn ritwali.
Aqra aktar
L-użanza tat-tipjip tat-tabakk hija waħda antika ħafna. Fiż-żminijiet ta’ qabel Kristofru Kolombu, it-tipjip kien parti ewlenija tat-tradizzjonijiet, tal-kultura u tar-riti reliġjużi tal-popli indiġeni kollha. Meta l-baħħara ta’ Kristofru Kolombu niżlu fil-gżira ta’ San Salvador fl-1492, raw li ħafna mill-Indios kienu jżommu f’idhom tip ta’ bastun b’ġamra mixgħula f’tarf minnhom, u li dawn kienu jiġbdu d-duħħan mit-tarf l-ieħor. Fl-1500, mid-Dinja l-Ġdida, it-tabakk infirex ukoll fl-Ewropa. Din il-pjanta ġiet imkabbra għall-ewwel darba fil-ġnien irjali ta’ Lisbona fl-1558, u l-ambaxxatur Franċiż Jean Nicot kien bagħat iż-żrieragħ minnha mill-Portugall lejn Franza fl-1560.
Fil-bidu, il-“ħaxixa Amerikana” kienet tintuża prinċipalment bħala mediċina. Kien maħsub li setgħet tfejjaq bosta tipi ta’ mard. Hu għalhekk li kienet tintuża mill-ispiżjara bħala kura kontra l-pesta, l-ulċeri fl-istonku u l-pulmonite. Il-feriti kienu donnhom jitnaddfu wara li jiġu trattati bid-duħħan, u kien maħsub li l-effett tat-tabakk fuq it-tħassir tas-snien kien wieħed saħansitra mirakoluż.
Matul is-seklu sbatax, it-tabakk tilef il-karatteristiċi mediċi li kienu ngħatawlu u kiseb l-istat ta’ prodott ta’ lussu, li dak li jkun kien juża skont l-istat soċjali tiegħu: is-suldati kienu jomogħduh, l-uffiċjali kienu jpejpuh bil-pipa u l-aristokratiċi kienu jiġbduh bi mnifsejhom. Fl-1700, biex ikunu meqjusa bħala gentlemen veri, persuni borgiżi kien ikollhom jafu kif jiġbdu t-tabakk bi mnifsejhom. Dak iż-żmien, il-kaxxi tat-tabakk tad-deheb li jiswew ħafna flus kienu saru simbolu ta’ stat soċjali.
Fl-ewwel nofs tas-seklu dsatax, fis-salotti Ewropej kollha saru moda s-sigarri, li qabel kienu jpejpuhom biss l-Ispanjoli.
Fis-seklu dsatax infirex ukoll l-użu tas-sigaretti, li saru dejjem aktar popolari fl-Ewropa kollha wara l-Gwerra tal-Krimea, meta l-veterani marru lura d-dar b’ċilindri tal-karta mimlija bit-tabakk. Fil-bidu s-sigaretti kien jsiru bl-idejn, iżda fl-1880 fl-Istati Uniti ġiet introdotta l-ewwel magna għall-ippakkjar.
Tipi ewlenin ta’ tabakk
Jeżistu diversi varjetajiet ta’ tabakk – dawn ivarjaw minn xulxin skont il-karatteristiċi tagħhom, skont il-ħtiġijiet klimatiċi tagħhom u skont il-metodi li jintużaw għall-ipproċessar tal-weraq wara l-ġbir.
Aqra aktar
It-tliet tipi l-aktar komuni ta’ tabakk huma l-varjetà Virginia, il-varjetà Burley u l-varjetà Orjentali.
IT-TABAKK VIRGINIA
It-tabakk Virginia huwa msemmi għall-istat Amerikan fejn l-Ingliżi bdew ikabbruh fl-1612. Dan huwa parti mill-klassi msejħa flue-cured (il-weraq jitnixxfu permezz ta’ fluss ta’ arja msaħħna li tnixxifhom), u huwa apprezzat ħafna minħabba li huwa ħelu, artab u aromatiku, u minħabba li jaqbad tajjeb ħafna. Dan it-tip ta’ tabakk jitkabbar fid-dinja kollha: fl-Amerika ta’ Fuq (Virginia, Carolina ta’ Fuq u t’Isfel, Georgia, Florida u Alabama), l-Amerika t’Isfel (l-Arġentina u l-Brażil), l-Afrika (l-Afrika t’Isfel, iż-Żimbabwe, il-Malawi, it-Tanżanija u ż-Żambja), l-Asja (l-Indja, il-Pakistan, il-Filippini, il-Korea t’Isfel, it-Tajlandja, il-Ġappun, u speċjalment iċ-Ċina), l-Oċeanja (l-Awstralja u New Zealand) u fl-Ewropa (il-pajjiżi tal-Lvant, il-Greċja, l-Italja).
IT-TABAKK BURLEY
It-tabakk Burley għandu kulur aktar skur minn dak ta’ varjetajiet oħra minħabba li huwa air cured, jew imnixxef bl-arja (il-weraq jiġu mnixxfa bl-arja sakemm jieħdu kulur li jvarja minn kannella ċar għal kannella skur). Dan it-tip ta’ tabakk għandu togħma simili għal dik ta’ sigarru, u jiġi prodott prinċipalment fl-Istati Uniti, iżda jiġi mkabbar ukoll fl-Ewropa, l-Asja, l-Afrika u l-Amerika Ċentrali u t’Isfel.
IL-VARJETAJIET ORJENTALI
It-tipi ta’ tabakk orjentali huma parti mill-klassi sun-cured (il-weraq jiġu mnixxfa billi jitqiegħdu fix-xemx). Dawn ikollhom weraq żgħar lewn id-deheb, iżda jista’ wkoll ikollhom kuluri aktar skuri li jvarjaw minn isfar fl-aħdar għal kannella. Dawn huma aromatiċi ħafna. Il-koltivazzjoni tagħhom hija prinċipalment ikkonċentrata fiż-żoni kostali tal-Mediterran tal-Lvant, tal-Baħar Eġew, tal-Marmara u tal-Baħar l-Iswed.
Ir-Regolamenti
Aħna nemmnu li l-industrija tat-tabakk għandha tkun soġġetta għal sistema regolatorja li hija kapaċi tipproteġi liċ-ċittadini, u li hija wkoll kapaċi ssib bilanċ bejn l-interessi differenti involuti.
Aqra aktar
Hemm mijiet ta’ eluf ta’ bdiewa li jkabbru t-tabakk, u l-industrija tat-tabakk tipprovdi miljuni ta’ impjiegi. Il-prodotti tat-tabakk huma prodotti għall-konsumaturi li l-aktar huma soġġetti għal tassazzjoni għolja, u huma sors importanti ta’ dħul għall-Istati kollha. Minkejja l-għarfien mifrux dwar ir-riskji għas-saħħa li jikkawża t-tabakk, bħalissa hawn madwar biljun ruħ ipejpu madwar id-dinja.
Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalkemm il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk iqajmu tħassib serju f’parti kbira mill-opinjoni pubblika, mhuwiex realistiku li wieħed jassumi li jistgħu jiġu pprojbiti.
Din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata b’mod oġġettiv. L-opinjoni tagħna hi li l-manifatturi għandhom imexxu n-negozju tagħhom b’mod responsabbli, filwaqt li l-gvernijiet għandhom jaħdmu favur l-adozzjoni ta’ regolazzjoni bilanċjata li tqis il-ħtiġijiet tal-partijiet interessati kollha: l-awtoritajiet tas-saħħa, il-ministeri ekonomiċi, dawk li jkabbru t-tabakk, il-produtturi tat-tabakk, il-konsumaturi u l-persuni li ma jpejpux. Għandu jkun hemm politika ta’ prevenzjoni u skoraġġiment (kampanji mmirati sa mis-snin bikrija tal-età tal-iskola, appoġġ ta’ kura għal persuni li jixtiequ jieqfu jpejpu, tagħrif aktar dettaljat u trasparenti dwar il-prodotti li jinsabu fis-suq), iżda huwa ugwalment importanti li jitqies ukoll il-fatt li regolazzjoni restrittiva wisq tista’ twassal għal tkabbir tas-suq illegali (falsifikazzjoni u kuntrabandu) ta’ prodotti magħmula mit-tabakk. Ir-riskji assoċjati maż-żieda fis-suq illegali huma rilevanti mhux biss fil-kuntest tat-telf ta’ dħul mit-taxxa, iżda wkoll fir-rigward tar-riskji għas-sigurtà tal-konsumaturi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ kontrolli stretti mwettqa fuq il-prodotti mill-industriji li joperaw fis-suq b’mod legali.
IKKUNTATTJANA
Marpoint Sp. z o.o.
Triq Zlota 59
Lumen Building, 6 Sular
00-120 Varsavja
Polonja
TEL: +48 224 895 334
FAX: +48 224 895 332
info@marpoint.business